Moviment Graffitti logo
Loading Events

Events

Protesta tar-Residenti Kontra l-Impjant tat-Tarmak fl-Imqabba

Nhar il-Ħadd li ġej, residenti mill-Imqabba, il-Qrendi, iż-Żurrieq u s-Siġġiewi se jkunu qed jingħaqdu flimkien fi protesta kontra r-rilokazzjoni ta’ impjant tat-tarmak u l-konkrit fl-Imqabba.

Il-protesta se tibda fl-10am quddiem il-Knisja Parrokkjali tal-Qrendi fejn wara se ssir mixja paċifika sal-Knisja ta’ San Mattew tal-Maqluba.

Aħna se nkunu qed nattendu din il-protesta b’turija ta’ appoġġ lejn dawn ir-residenti u nħeġġu lil kull min huwa affettwat biex jattendi bi ħġaru.

Ir-residenti, flimkien mal-Kunsilli Lokali tal-lokalitajiet rispettivi, jinsabu serjament imħassba dwar l-effetti li impjant tat-tarmak u tal-konkrit, madwar 500 metru biss ’il bogħod minn żoni residenzjali, se jkollu fuq saħħithom u l-kwalità tal-ħajja tagħhom.

Hija ġennata li l-awtoritajiet, fosthom l-ERA, mhuma jsibu l-ebda oġġezzjoni għar-rilokazzjoni ta’ dan l-impjant qalb ir-residenti. L-ERA qed tgħid li l-impatti li dan l-impjant jista’ jkollu f’termini ta’ storbju u ġenerazzjoni ta’ trabijiet mhumiex ta’ tħassib, iżda ma ssemmi xejn dwar id-dħaħen tossiċi għas-saħħa li kapaċi jipproduċu dawn l-impjanti.

Nistgħu nistaqsu lir-residenti tal-Iklin u San Ġwann li jgħixu qrib l-impjant tal-Bitmac dwar id-dħaħen tossiċi li jiġġeneraw impjanti tal-asfalt. Dawn ir-residenti ilhom snin jibilgħu dħaħen tal-asfalt fi djarhom u jitkarrbu mal-awtoritajiet biex tittieħed azzjoni, iżda l-awtoritajiet jibqgħu jkaxkru saqajhom.

Dan l-attakk fuq saħħitna u l-kwalità tal-ħajja tagħna hemm bżonn li jieqaf. Ejjew ningħaqdu mar-residenti tal-Imqabba nhar il-Ħadd sabiex nuru lill-awtoritajiet li aħna lesti nagħmlu dak kollu li hu meħtieġ sabiex nissalvagwardjaw saħħitna u saħħet uliedna.