L-Għaqda Residenti taż-Żurrieq qed torganizza din il-konferenza stampa kontra l-applikazzjoni PC/00068/22 li se tieħu medda kbira ta’ għelieqi bejn iż-Żurrieq u l-Qrendi biex tinbena.
Dawn l-għelieqi għadhom jinħadmu mill-bdiewa sal-ġurnata tal-lum, u biċċa kbira minn din l-art hi tal-Gvern. L-iżvilupp ta’ din l-art se jkompli jkisser il-karattru rurali taż-Żurrieq, ikeċċi lill-bdiewa mill-għelieqi, u jgħarraq il-kwalità tal-ħajja tar-residenti.
Barra minn hekk iwitti t-triq għal aktar applikazzjonijiet bħal dawn, bħalma qed jiġri fin-Nigret u f’Bubaqra.
L-Għaqda Residenti taż-Żurrieq qed titlob li jinbidel il-Pjan Lokali tal-2006. Nemmnu li dan il-pjan issa qadim u m’għadux iwieġeb għall-ħtiġijiet pressanti tal-pajjiż.
Bl-appoġġ tar-residenti nistgħu naslu. Inħeġġu wkoll lill-Kunsill Lokali sabiex niġbdu ħabel wieħed.
Narawkom is-Sibt 11 ta’ Mejju fil-11:30, quddiem l-għalqa ta’ wara Tal-Bebbux. Tridu tiġu Triq Napuljun quddiem ix-xatba tal-għalqa.