Moviment Graffitti logo

Latest News

Wara Loujin: Gvern li se ikompli jħaddan politika tal-mewt? – Lara Calleja

Huma u jitfgħu l-problema tas-salvataġġ tal-persuni vulnerabbli fuq il-Libja, l-Unjoni Ewropea u l-Gvern Malti, qegħdin ikomplu jbillu subgħajhom fid-demm

Immaġinak qiegħed fuq dgħajsa f’nofs ibħra skuri. Immaġina ġranet u ġimgħat twal ta’ ċaqliq li jqabbdek id-dardrir. Immaġina stonku vojt juġgħak bil-ġuħ u griżmejk qoxqox bil-għatx. Immaġina l-biża’ u l-waħx li ħadd ma jrid jiġi jsalvak. Din hija l-istorja tal-ibħra Mediterranji.

Nhar is-6 ta’ Settembru 2022, Loujin mietet bil-għatx fiż-żona ta’ salvataġġ Maltija. Kellha erba’ snin u kienet ilha ġranet sħaħ fuq dgħajsa tokrob għall-għajnuna. Malta kellha r-responsabbiltà li tgħinha iżda l-awtoritajiet iddeċiedew kontra. Hi u 61 persuna oħra magħha tħallew fl-ibħra tagħna għal kważi ġimagħtejn bil-ġuħ, bil-għatx u fir-riskju li jegħrqu fuq dgħajsa tas-sajd li minnha beda dieħel l-ilma. Id-dgħajsa ta’ Loujin telqet mil-Libanu fl-aħħar ta’ Awwissu mgħobbija b’nies mill-Palestina, il-Libanu u s-Sirja. Is-salvataġġ ingħata ftit tal-ħin wara li t-tifla ntilfet minn sensiha. Hija mietet fl-ajruplan li kien ħa joħodha l-isptar ta’ Kreta għall-kura.

Kif ma ngħatatx għajnuna f’waqtha Loujin? Kif tħalliet titlef ħajjitha b’dan il-mod? Kif la hi u lanqas l-għexerien oħra li tkarrbu għall-assistenza ma ngħataw widen? Nafu kif ftit ijiem qabel ma mietet Loujin, l-attivista Marokkina-Taljana Nawal Soufi kienet f’kuntatt ma’ missier Loujin u saħansitra ċemplet lill-awtoritajiet Maltin biex tinfurmahom dwar l-istat ħażin tat-tifla u titlobhom jieħdu azzjoni. It-telefonata ta’ Nawal Soufi kienet waħda fost ħafna li rċevew l-awtoritajiet Maltin anki minn NGOs u entitjiet differenti għall-għajnuna immedjata. Nafu wkoll li numru ta’ vapuri kummerċjali kienu qrib id-dgħajsa fil-bżonn iżda ħadd m’għamel xejn.

Illum il-ġurnata, kemm l-awtoritajiet Maltin kif ukoll l-Unjoni Ewropea draw jinjoraw talbiet bħal ta’ Loujin. U bħal ma diġà nsew lil Loujin, hekk ukoll ħassru mill-memorja l-mijiet ta’ katavri ta’ trabi, tfal, nisa u rġiel li fl-2011 inġarru lejn l-Italja wara ġimgħat twal maqbuda f’nofs ibħra mqallba f’iljieli kesħin u ġranet bla ikel u bla xorb. Tal-2011 kienet waħda fost ħafna traġedji simili.

Jidher ċar li ma tgħallimna xejn mill-2011 meta daħlu l-Italja 238 persuna mejta. Minn dak iż-żmien, li għamlu l-Unjoni Ewropea u l-Gvern Malti, huwa li komplew jilleġġittimizzaw l-imwiet ta’ eluf ta’ nies fuq il-baħar bil-pushbacks. L-entità responsabbli mill-pushbacks hija l-Gwardja tal-Kosta Libjana, imħallsa l-biljuni mill-UE sabiex l-immigranti li taqbad fl-ibħra Mediterranji toħodhom lura l-Libja. It-traġedja hawnhekk hija li l-Gwardja tal-Kosta Libjana magħmulha mill-istess milizji Libjani li jittraffikaw lin-nies u għalhekk il-finanzjament tagħha mill-Unjoni Ewropea huwa finanzjament dirett lit-traffikanti. Fl-istess waqt, l-ebda għajnuna ma’ tista’ tingħata lid-dgħajjes tal-immigranti fil-bżonn sakemm ma tkunx awtorizzata mill-gvernijiet. Kwalunkwe missjonijiet ta’ salvataġġ li joffru NGOs, entitajiet jew individwi privati huma meqjusa bħala atti kriminali.

Il-politika tal-pushbacks ħolqot struttura li tilleġġittimizza l-mewt għax taċċetta bħala att mill-iktar normali li ninjoraw l-għajtiet għall-għajnuna tan-nies maqbuda fuq il-baħar. U taċċetta bħala att normali wkoll li nies li telqu minn pajjiżhom sforz tbatiji kbar, jintbagħtu lura f’pajjiż maħkum minn gwerer ċivili u instabbiltà politika kbira. Il-Libja hija infern għan-nies vulnerabbli, post fejn jiġu msawwta, ittorturati, stuprati u mħaddma fl-iskjavitù. Hija pajjiż meqjus minn entitajiet globali bħall-UNHCR u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM) bħala post ta’ periklu kbir għall-immigranti u li fl-ebda ċirkustanza m’għandhom jittieħdu lura hemm.

Huma u jitfgħu l-problema tas-salvataġġ tal-persuni vulnerabbli fuq il-Libja, l-Unjoni Ewropea u l-Gvern Malti, qegħdin ikomplu jbillu subgħajhom fid-demm, qegħdin ikomplu jsarrfu l-ħajja ta’ kull persuna f’tattiċi politiċi qerrieda. In-nuqqas ta’ azzjoni tagħhom tikser kemm il-liġi tal-baħar kif ukoll id-drittijiet fundamentali tal-bniedem.

L-ostilità tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea fil-konfront tal-immigranti mhux ġejja mill-baħar biss. Turi wiċċha wkoll fuq l-art. Fil-Polonja pereżempju, narawha fil-fruntieri tal-ħadid li tella’ l-Gvern sabiex jostakola t-traġitti tal-persuni li ħarbu mit-taqlib tal-Belarus għal ħajja aħjar fl-Ewropa. Fil-Greċja nafu li eluf ta’ refuġjati li jaqsmu l-fruntieri mit-Turkija sabiex jidħlu fil-pajjiż sfaw ittorturati mill-uffiċjali tas-sigurtà tal-Istat Grieg. Dan ir-rispett li suppost għandha l-Unjoni Ewropea lejn ħajjet il-bniedem?

Ftit tal-jiem ilu fil-Belt Valletta fakkarna l-mewt ta’ Loujin u ta’ eluf oħrajn li bħalha tħallew jegħrqu fil-Mediterran. Il-kelliema saħqu li t-trattament dinjituż, ugwali u ġust ta’ kull persuna, hi min hi u ġejja mnejn ġejja, huwa responsabbiltà fundamentali tal-Gvern Malti. Bħal kull pajjiż ieħor fl-Unjoni Ewropea, il-Gvern Malti għandu jħares l-ewwel, qabel kollox u dejjem, id-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Il-messaġġ tal-kelliema jeħtieġ li nkomplu niġġieldu għalih sa ma jsir seħħ: L-awtoritajiet Maltin għandhom jitbiegħdu minnufih mill-politika tal-mewt li komdi jħaddnu fil-konfront ta’ nies fil-bżonn bħal ma kienet iċ-ċkejkna Loujin. 

Latest from our blog

Three Gozitan NGOs — Din l-Art Ħelwa – Għawdex, Wirt Għawdex, and Għawdix — and Moviment Graffitti have strongly condemned...

2024 marks a major event for the Maltese political scene: the 30th anniversary of the founding of activist group Moviment...

The Planning Authority (PA) has been flooded with objections to the sham consultation process for the revision of the Villa...