Moviment Graffitti logo

Latest News

L-intervent tal-Moviment Graffitti waqt il-Konferenza Stampa ta’ solidarjeta mal-poplu Palestinjan

Ma jistax ikun hemm il-paċi qabel ma jkun hemm Palestina ħielsa

Inutli nsejħu għall-paċi fil-Lvant Nofsani jekk l-ewwel ma nsejħux għall-ġustizzja. Dak li qed iseħħ bħalissa, u li ilu għaddejj għal dawn l-aħħar tmenin sena, mhuwiex kunflitt ta’ kultura jew reliġjon iżda kunflitt kolonjali – stat Iżraeljan li  għandu proġett sistematiku li jkeċċi kemm jiflaħ Palestinjani minn arthom sabiex jokkupaha.

Għada, il-15 ta’ Mejju, il-Palestinjani jfakkru n-Nakba – il-Katastrofi – tal-1948, meta gruppi armati Iżraeljani keċċew madwar miljun Palesintjan minn arthom, dak li issa nafuh bħala l-Iżrael, sabiex ikun jista’ jinħoloq stat Lhudi bl-inqas Palestinjani fih possibli. Iżda l-istorja ma waqfitx hemm. L-Iżrael kompla dejjem jokkupa iktar art, bħax-Xatt tal-Punent u Gaża, u jagħmel il-ħajja tal-Palestinjani miżerabbli.

L-istat Iżraeljan bħalissa huwa stat ta’ apartheid, fejn in-nies li huma taħt il-kontroll tiegħu jiġu trattati b’mod differenti skont l-etnicità tagħhom, skont jekk humiex Għarab jew Lhud. Il-kunflitt li qed naraw bħalissa beda mill-każ ta’ Sheikh Jarrah, f’Ġerusalemm, fejn l-istituzzjonijiet Iżraeljani flimkien mal-lemin estrem litteralment daħlu u keċċew lill-familji Palestinjani minn djarhom sabiex imorru jgħixu fihom huma. Dan kien segwit b’attakki konġunti bejn il-militar u gruppi tal-lemin estrem fuq is-sit sagru ta’ Al Aqsa. 

U jekk inħarsu lejn Gaża naraw sitwazzjoni tat-tkexkix. Strixxa t’art żgħira, id-daqs ta’ Malta, li fiha jgħixu madwar żewġ miljun persuna, ilha assedjata għal dawn l-aħħar 16-il sena. Ħabs miftuħ fejn in-nies u l-istrutturi ċivili ġew ibbumbardjati regolarment mill-forzi militari Iżraeljani, kif qed jerġa’ jiġri f’dawn il-jiem. Sakemm qed nitkellmu, diġà inqatlu 120 Palestinjan f’dawn l-aħħar attakki, inkluż 31 tifel u tifla.

Mela ejja ma nsejħux “liż-żewġ partijiet” biex iwaqqfu l-ġlied. Ejja ma nsejħux “liż-żewġ partijiet” biex ifittxu l-paċi. Għaliex hawnhekk m’għandniex “żewġ partijiet” li huma nvoluti f’dan il-kunflitt bl-istess mod. Fuq naħa għandna l-kolonjaliżmu, l-apartheid u l-aggressjoni sofistikata militari tal-istat Iżraeljan, u fuq in-naħa l-oħra għandna d-disperazzjoni tal-poplu Palestinjan li qiegħed sempliċiment jiġġieled biex jibqa’ jeżisti.

Is-solidarjetà internazzjonali mhux ser issolvi din is-sitwazzjoni, però tibqa’ xorta waħda essenzjali. Hekk kif il-Palestinjani sfaw abbandunati mill-biċċa l-kbira tal-istati fid-dinja, l-għexieren ta’ miljuni ta’ nies li ħarġu fit-toroq f’solidarejtà mal-Palestina qed jiżguraw li din l-inġustizzja ma tintesiex. Jekk ninsew lill-Palestina u lill-kawża Palestinjana inkunu qegħdin nagħtu permess lill-istat Iżraeljan sabiex jeqred kompletament lill-Palestinjani u jaħtaf l-art li fadlilhom.

Jekk verament irridu li dan il-kunflitt jissolva, il-pajjiżi kollha tad-dinja, inkluża Malta, għandhom jisħqu li l-Iżrael iwaqqaf l-aspirazzjonijiet kolonjali tiegħu, iżarma l-istat ta’ apartheid li bena u jirrispondi għall-krimini li wettaq.

Is-sitwazzjoni hija sempliċi u ċara. Ma jistax ikun hemm il-paċi qabel ma jkun hemm Palestina ħielsa.

Latest from our blog

Three Gozitan NGOs — Din l-Art Ħelwa – Għawdex, Wirt Għawdex, and Għawdix — and Moviment Graffitti have strongly condemned...

2024 marks a major event for the Maltese political scene: the 30th anniversary of the founding of activist group Moviment...

The Planning Authority (PA) has been flooded with objections to the sham consultation process for the revision of the Villa...