Moviment Graffitti logo

Latest News

Protesta Kontra l-Ħakma tal-Iżviluppaturi – Id-diskors ta’ Wayne Flask

Make hay while the sun shines. Il-profeta qalilna biex, sakemm ikun temp tajjeb, naħsbu fil-ħsad.

Kienet ġurnata ta’ xemx meta bil-gafef tagħkom ħsadtu l-ħajja ta’ Miriam u tal-familja Pace. Ebda kliem ma jista’ jsabbar lil din il-familja, vittma oħra tar-regħba bla qies tagħkom.

Ebda kliem mhu se jsabbar lill-familja ta’ Maggie Smith, lill-familji ta’ għexieren ta’ ħaddiema tal-kostruzzjoni li mietu mingħajr dinjità, mingħajr ma biss nafu x’jisimhom. Kif għadhom bla sabar il-familji li tilfu djarhom is-sajf li għadda. X’għamlu ħażin dawn biex ħaqqhom dan kollu?

Ejjew inkunu ċari. Bl-investigazzjonijiet fuq dan il-qtil mhux se nagħlqu l-kapitlu. Mhux biss se tibqa’ miftuħa l-ferita, iżda jekk ma nħarsux waħda sew lejna nfusna u nagħrfu x’sirna bħala poplu, bħala pajjiż, bħala skjavi ta’ ekonomija bla skrupli, m’aħna se nfiqu qatt.

Ninsabu ostaġġi ta’ repubblika merkantili li tħares biss lejn il-profitt, mhux lejn id-diċenza. Ma nistgħux nibqgħu nsejħulu progress meta niesna qed imutu fi djarhom stess, mirduma mill-għaraq ta’ xbinhom, minħabba l-kilba għall-flus ta’ wħud li jaħsbu li huma ogħla mil-liġi u li jiswew iktar minn ħaddieħor.

L-aħħar li ltqajna kien is-sebgħa ta’ Settembru. Illum is-sebgħa ta’ Marzu. Mhux talli minn dak iż-żmien ġejtu titnejku u ma smajtux l-għajta tal-poplu, talli llum qed nibku l-mewt ta’ waħda minna.

Dan li qed taraw warajja, dan it-tiġrif li seħħ nhar it-Tnejn, mhuwiex inċident. Huwa r-riżultat ta’ snin u snin ta’ ħmieġ, ta’ sistema bla kuxjenza li tiffaċilita l-finanzjament illegali tal-partiti politiċi, tat-tfaqqir tas-saħħa tal-awtoritajiet, tat-telfa ta’ kull forma ta’ dinjità u rispett lejn iċ-ċittadini u lejn il-ħaddiema tal-kostruzzjoni stess.

Hija sistema li wasslet sabiex grupp żgħir ta’ nies mingħajr poter demokratiku jiktbu l-liġijiet, japplikawhom kif u fejn u meta jidhrilhom, għax flushom tahom it-twemmin li jistgħu jagħmlu dak li jridu.

L-Awtorità tal-Ippjanar hija l-ikbar falliment li qatt ra l-Mediterran, ġunta militari b’saħħitha maż-żgħir u servili mal-kbar. Il-Building Regulations Office ħadd ma jaf għalxiex jeżisti. Il-Lands tqassam l-artijiet bl-addoċċ u bix-xejn lill-kbarat tal-big business. L-infurzar huwa ineżistenti. Le, ħaqqna aħjar minn hekk!

Il-ħtija ta’ dak li ġara nhar it-Tnejn hija tassew ta’ ħafna nies. Ta’ dawk kollha li jew iffaċilitaw jew għażlu li jagħlqu ħalqhom fuq il-ħmieġ li hawn fl-industrija tal-kostruzzjoni. Hija l-ħtija ta’ dawk li taw u aċċettaw donazzjonijiet mill-kostruzzjoni għall-politika, għal minjaf liema favur. Hija l-ħtija ta’ min kiteb liġijiet bla sugu li jpoġġu l-piż dejjem fuq iċ-ċittadin, u qatt fuq l-iżviluppatur.

Kif torqdu bil-lejl intom?

Kif jorqod Robert Musumeci? Dak li għamel legal notice li qas hi tajba biex nimsħu l-warrani biha, aħseb u ara ssejħilha riforma?

Kif jorqod Michael Ferry tal-BRO, li suppost tinforza iżda ċċempel meta ċċempel qatt ma ssibhom?

Kif jorqod Sandro Chetcuti, il-verġni li ma jridx cowboys u għandu nies mill-kunsill tiegħu stess jisparaw kif ġie ġie?

Kif jorqod Johann Buttigieg, li fiż-żmienu fil-PA mexxa orġja sħiħa fl-Ippjanar?

Din hija is-sistema li ħolqu. Sistema li tant eżaġerat li qed tiekol lilha nnifisha u qed tidħol fi djarna bil-gafef.

Bħalissa mhuwiex żmien il-kontinwità, imma żmien is-serjetà, id-dixxiplina, żmien id-diċenza. Huwa ż-żmien li jsiru r-riformi, miktuba minn persuni kompetenti li għandhom il-pajjiż għal qalbhom, mhux buthom!

Għeżież sħabi, mhuwiex żmien il-biża’! Mhuwiex żmien is-silenzju. Jekk se noqogħdu kwieti se jibqgħu jagħmlu li jridu bina.

Għollu raskom, u flimkien niġġieldu l-arroganza, il-prepotenza, ir-regħba u l-viljakkerija ta’ dawn in-nies. Ingħaqdu flimkien, kulma għandkom x’titilfu hija l-biża’!

Il-ġlieda tkompli!

Latest from our blog

Moviment Graffitti is proud to announce the launch of ‘FEJN KONTU?!’, a commemorative exhibition that marks 30 years of activism...

Today, we have the honour of presenting the first edition of the Prime Puppet Award. It is our great pleasure...

Today, Moviment Graffitti is carrying out a direct action during the Budget speech. At present, our country is facing an...