Moviment Graffitti logo

Latest News

[ARA] Id-diskors tal-Moviment Graffitti waqt il-protesta nazzjonali tat-8 ta’ Diċembru

Personalment ilni attiv fil-politika mhux partiġġjana għal dawn l-aħħar 15-il sena. Il-Moviment Graffitti ilu attiv għal 25 sena. U propju minħabba dan l-attiviżmu dejjem għaraft li f’Kastilja ma jikbrux fjuri. Iżda nammetti li dan il-livell ta’ żibel tossiku QATT ma immaġinajtu.

Hekk kif il-biċċiet ta’ din il-puzzle dejjem qed jingħaqdu, iktar qed joħroġ biċ-ċar kemm hija traġika s-sitwazzjoni li qegħdin fiha. Pajjiżna inħakem minn klikka ta’ negozjanti u sħabhom fil-politika. Dawn serqu u saħansitra qatlu.

Qed nifhmu kemm hija gravi s-sitwazzjoni? Qed nifhmu li qegħdin fil-preċipizju?

Huwa veru li għalissa għadna ma nafux sa fejn jasal l-involviment tal-Prim Ministru Joseph Muscat f’dan kollu. Iżda hemm fatti – u nirrepeti, FATTI, mhux allegazzjonijiet – li issa tafhom id-dinja kollha. Joseph Muscat dejjem iddefenda – kemm kemm ma għamlux martri – lill-businessman politiku Keith Schembri, minkejja li kien ċar li dan huwa mgħaddas fil-ħmieġ. Ir-riħa tinten ilha snin twal tinxtamm qawwija.

Imma issa li l-fossa sħiħa tad-drenaġġ splodiet fl-uffiċċju tal-Prim Ministru, Joseph Muscat ma jistax jilgħabha tan-nadif.

Joseph Muscat għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika u jirriżenja ISSA.

Kull minuta li qed jibqa’ f’dan l-uffiċċju qed jikber is-suspetti li hemm kumplott biex il-verità kollha ma toħroġx. U barra affarijiet oħra, dan ifisser li pajjiżna se jkollu jibqa’ jġorr id-dubji u s-suspetti dwar dan il-każ għal dejjem. In-nuqqas tar-riżenja immedjata ta’ Joseph Muscat se tfisser li dan il-kapitlu tal-waħx mhuwa se jingħalaq qatt.

Ara però taħsbu li l-ħażen jibda u jispiċċa mas-saltna ta’ Muscat. Ara taħsbu li l-ħmieġ se jisparixxi għax jirriżenja Muscat, jew dak, jew l-ieħor. L-għeruq tal-għawġ li sibna ruħna fih huma fondi ħafna. Iz-zerriegħa ta’ dan kollu inżergħet fid-disgħinijiet, meta daħlet bil-goff ir-relazzjoni inċestuża bejn il-politika u l-big business. Issa dik iż-żerriegħa kibret f’siġra tal-ħażen li qed tifgana.

Hija l-politika li min għandu l-flus jagħmel li jrid, li l-loġika tal-profitt tiġi l-ewwel u qabel kollox, li l-interessi tal-ftit jisbqu l-interessi tal-ħafna, li wassluna għal din is-sitwazzjoni li ninsabu fiha. Ir-riżenji waħdehom – li niżbru l-friegħi ta’ din is-siġra – mhumiex biżżejjed. Irridu nattakkaw l-għeruq ta’ dan il-ħażen.

Irridu, bħala l-ewwel ħaġa, inkeċċu lil big business mill-politika. Irridu ġustizzja soċjali. Irridu politika favur il-ħaddiem. Irridu istituzzjonijiet indipendenti.

It-tkabbir ekonomiku mhux biżżejjed. Hemm bżonn it-tkabbir tad-diċenza, tal-ġustizzja u tal-ugwaljanza.

Iżda minflok, tul dawn l-aħħar snin rajna l-oppost ta’ dan. Rajna serq, serq mill-poplu. Privatizzazzjonijiet maħmuġa tal-artijiet tagħna, bħal-ITS, bħall-Kottonera, bħaż-Żonqor; tas-saħħa tagħna; tal-enerġija tagħna.

Dawn il-privatizzazzjoniet, fejn il-ftit tħanżru minn fuq dahar kulħadd, għandhom jiġu investigati u possibilment revokati. Agħtu lura lill-poplu dak li hu tal-poplu.

Jien persuna li minn mindu kont żgħir ħaddant ideat Soċjalisti u xellugin. Nemmen li l-politika qegħda hemm biex tagħmel l-interessi tal-ħafna u mhux tal-ftit. Nemmen f’demokrazija li tħeġġeġ u tinvolvi parteċipazzjoni ta’ veru, minn kulħadd, u mhux vot għami darba kull ħames snin.

Huwa ta’ dispjaċir enormi li l-Partit Labursita fil-Gvern kellu jagħmel l-oppost tal-prinċipji li huwa msejjes fuqhom. Nappella lil-Laburisti, li ċert li fil-maġġoranza tagħhom huma nies ġenwini, nies li bħali għandhom prinċipji Soċjalisti u xellugin, biex ineħħu l-biża’. Tħallux minn jużakom! Tħallux minn japprofitta mil-lealtà li għandkom lejn il-partit biex ipoġġi l-interssi ta’ ftit nies għas-skapitu tagħna lkoll. Semmgħu leħinkom. Ejjew nuru li aħna Soċjalisti ta veru u li m’għandna xejn x’naqsmu ma dawk il-ħallelin u l-qattiela bil-ġlekk u l-ingravata.

U hawn ma nappellax lil-Laburisti biss, iżda lin-Nazzjoanlisti wkoll. Ejjew inħallu warajna l-partiggjanizmu politiku u nibdew nirraġunaw b’moħħna u mhux b’moħħ il-partit. Kien ukoll dan il-partiġġjaniżmu għami li wassalna f’din is-sitwazzjoni – mexxejja li jitnejku bina lkoll u jżommu l-poter tagħhom billi jkeskusna kontra l-partit l-ieħor.

L-ebda partit m’għandu l-ħila jġib il-bidla li hawn bżonn f’dan il-pajjiż. L-ebda partit m’għandu r-rieda jqaċċat l-għeruq ta’ din is-siġra tal-ħażen li qed tifgana. U lanqas huwa l-patrijottiżmu tal-erba’ soldi jew is-sejħiet fiergħa għall-għaqda li se joħorġuna minn din is-sitwazzjoni mwiergħa. Huwa biss il-poplu, in-nies ta’ kull kulur politiku, li jistgħu jagħmlu l-pressjoni meħtieġa biex jinbidlu l-affarijiet, billi jgħollu l-vuċi tagħhom u jgħidu:

Aħna jixirqilna aħjar!

Irrid lura id-dinjita’ li sraqtu lil dan il-pajjiż!

Latest from our blog

Three Gozitan NGOs — Din l-Art Ħelwa – Għawdex, Wirt Għawdex, and Għawdix — and Moviment Graffitti have strongly condemned...

2024 marks a major event for the Maltese political scene: the 30th anniversary of the founding of activist group Moviment...

The Planning Authority (PA) has been flooded with objections to the sham consultation process for the revision of the Villa...