llum ipparteċipajna mbikkma fit-tqegħid ta’ fjuri b’tifkira ta’ Lassanna, magħruf ma’ sħabu bħala ‘Lass’. Lass inqatel b’tiri f’rasu fil-lejl tas-6 t’April, waqt sparatura minn karozza li darbet ukoll lil żewġ persuni oħra. L-unika ‘tort’ li kellhom dawn it-tlett persuni huwa li nzertaw f’dak il-ħin u f’dak il-post waqt attakk, li kollox jindika, kien razzist.
Nirrealizzaw il-gravità tas-sitwazzjoni?
Nirrealizzaw li dan seta’ kien l-ewwel attakk terrorista f’pajjiżna, fejn ġew sparati tiri bl-addoċċ fuq persuni bil-għan li jitnissel it-terrur f’komunitajiet sħaħ?
Nirrealizzaw li għada nistgħu inkunu int u jien il-vittmi ta’ dan it-terrur?
U, fuq kollox, dan il-każ se jiġi investigat bis-serjetà mill-awtoritajiet? Jew se jiġri bħal ma ġara fl-attakki razzisti kollha preċedenti, u jiġi sistematikament injorat?