Moviment Graffitti logo

Latest News

[WATCH] Presenting a letter to the Minister of Infrastructure and Transport asking for a review of the Fuel Service Station Policy

Illum waranofsinhar imxejna mill-kamp Assedju PA sal-Ministeru tal-Infrastruttura u t-Trasport, sabiex nagħtu ittra lill-Ministru Ian Borg – il-Ministru responsabbli mill-Awtorita tal-Ippjanar.

Onor. Ian Borg
Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali
Block B, Triq Francesco Buonamici ,
Floriana, Malta

Għażiż Ministru

Qed niktbu din l-ittra għaliex ninsabu allarmati dwar is-sitwazzjoni tal-ambjent u l-kwalità tal-ħajja fuq din il-gżira. Ilbieraħ filgħodu bdejna assedju simboliku fuq il-bini tal-Awtorità tal-Ippjanar (PA) – entità li taqa’ taħt il-Ministeru tiegħek – sabiex nikkundannaw l-assedju ta’ din l-awtorità fuq il-gżira tagħna bil-ħruġ ta’ permess għal pompi tal-petrol enormi u inutli. Qed inwettqu din l-azzjoni diretta għaliex il-PA naqset milli tbiddel il-policy dwar il-pompi tal-petrol – policy li l-awtoritajiet infushom irrikonoxxew bħala waħda ta’ ħsara u wiegħdu li se jirrevedu, sena u erba’ xhur ilu.

Ninsabu konvinti li n-nuqqas ta’ reviżjoni ta’ din il-policy mhuwiex riżultat ta’ traskuraġni jew inkompetenza, iżda huwa intenzjonat u mmirat sabiex jiġu akkomodati ċerti żviluppaturi. Ninsabu mgħaddba li Malta qed tinqered biċċa biċċa minħabba interessi kummerċjali ċari li għandhom is-saħħa jiddettaw il-liġi f’pajjiżna. Qed naraw il-futur tagħna jiġi kompromess minn ħsara permanenti u mingħajr limitu, fejn il-kwalità tal-ħajja tagħna dejjem titbaxxa, minħabba żvilupp bla bżonn li se jgawdu minnu biss ftit individwi.

Il-ġenerazzjonijiet futuri se jżommu lil nies bħalek personalment responsabbli għad-deżert tal-konkrit li fih qed jinbidel pajjiżna; niesna jibżgħu jaħsbu fuq kif se tkun tidher Malta ftit tas-snin oħra.

Il-kwistjoni tal-policy dwar il-pompi tal-petrol tirrifletti b’mod ċar din is-sitwazzjoni mwiegħra. Din tippermetti pompi tal-petrol ta’ 3,000m² fuq art naturali u agrikola indikata bħala ODZ. Bħalissa hemm 14-il applikazzjoni għall-pompi tal-petrol fuq art ODZ, b’erba’ minnhom diġà approvati, u l-oħrajn qed jiġu pproċessati. Flimkien, dawn ikopru biċċa art kbira daqs il-Fosos tal-Furjana għal ħames darbiet.

Tant hu ovvju li dan kollu huwa ġenn, li membri tal-Kabinett stess ammettew li din il-policy hemm bżonn tinbidel. Iżda minkejja li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) kienet issottomettiet ir-rakkomandazzjonijiet tagħha fuq talba tal-Ministru stess f’April tas-sena l-oħra, il-policy attwali għadha fis-seħħ. Ilna minn Novembru li għadda nisimgħu dwar il-pubblikazzjoni imminenti tal-policy riveduta mingħand il-PA. Madankollu, l-abbozz li juri l-bidliet eventwali tal-policy għadhom lanqas biss ġew ippubblikati għall-konsultazzjoni.

Filwaqt li din ir-reviżjoni suppost tinsab għaddejja, applikazzjonijiet ġodda għall-hekk imsejħa “pompi tal-petrol” qed jibqgħu jiġu ppreżentati taħt policy difettuża.

Aħna mhu se nħallu lil ħadd jgħaddina biż-żmien, speċjalment għaliex hawnhekk hawn il-futur tagħna fin-nofs. Se nibqgħu nieħdu azzjonijiet diretti sakemm din il-policy tinbidel.

It-talbiet tagħna huma bażiċi ħafna:
1. Li tinbidel il-policy dwar il-pompi tal-petrol għal waħda li tipprojbixxi pompi tal-petrol ġodda jew rilokati fuq l-ODZ, skond id-direzzjoni li tat l-ERA;
2. Li tiġi ppublikata minnufih il-policy riveduta dwar il-pompi tal-petrol għal konsultazzjoni;
3. Li jiġi pprovdut qafas ta’ żmien qasir għall-implimentazzjoni tal-policy riveduta wara l-għeluq tal-perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika.

Nistennew li jekk għad imqar fadal farka diċenza, dawn it-talbiet jintlaqgħu immedjatament.

Latest from our blog

Today, three Gozitan NGOs — Għawdix, Din l-Art Ħelwa – Għawdex, and Wirt Għawdex — together with Moviment Graffitti stormed Fort Chambray...

Moviment Graffitti is proud to announce the launch of ‘FEJN KONTU?!’, a commemorative exhibition that marks 30 years of activism...

Today, we have the honour of presenting the first edition of the Prime Puppet Award. It is our great pleasure...