Min-naħa tiegħu, Andre Callus għamilha ċara li l-ewwel prijorita fir-rigward tal-immigrazzjoni hija li nifhmu li qed nitkellmu fuq il-ħajjiet tal-persuni u mhux fuq xi merkanzija.
Huwa semma li fil-preżent jidher li l-Italja ma tridx iġġorr ir-responsabbilta li ssalva l-immigranti anke jekk il-liġi internazzjonali hija ċara li meta jiġu salvati fuq il-baħar iridu jittieħdu fl-eqreb port sikur.
Callus irrefera għall-aħħar argument bejn Malta u l-Italja fejn dawn qalu li la l-immigranti ġew salvati viċin il-Libja għandhom jiddaħħlu hemm imma nsista li hemm mhux port sikur għax f’dan il-pajjiż qed jinbiegħu bħala skjavi, ittorturati, misruqa u abbużati minbarra li għadha għaddejja l-gwerra.
Waqt li wkoll għamilha ċara li ma jaqbilx mal-kampijiet fil-Libja fejn jipproċessaw l-applikazzjonijiet għax jistgħu jispiċċaw qishom kampijiet ta’ konċentrament u n-nies xorta mhux se jmorru hemm, Callus jaqbel ukoll mal-ħruġ tal-visas bħala waħda mis-soluzzjonijiet.
Huwa sostna li matul is-snin ingħalqu r-rotot legali bil-konsegwenza li l-immigranti bdew jaqsmu l-baħar b’mod perikoluż meta dawn mhux kriminali imma nies li qed ifittux ħajja aħjar kif għamlu u jagħmlu diversi nies.
Callus saħaq ukoll li jeħtieġ li meta l-pajjiżi fuq il-fruntiera tal-Ewropa jsalvaw l-immigranti u jdaħħluhom fil-portijiet Ewropej il-proċess tal-applikazzjonijiet għall-ażil jinqasam bejn il-pajjiżi tal-UE u mhux fejn ikunu daħlu biss.
Waqt li semma kif l-ammont ta’ immigranti li jaqsmu l-Mediterran min-naħa tal-parti ċentrali huwa żgħir meta mqabbel mal-immigrazzjoni li ssir madwar id-dinja, Callus sostna li l-fatt li x-xeni bid-dgħajjes huma viżibbli ħafna allura jagħtu l-impressjoni li l-problema hija akbar.
Fl-istess ħin l-attivist tal-Moviment Graffitti nsista li sakemm bniedem jibqa’ jiffaċċja l-faqar u l-gwerer se jibqa’ jfittex li jitlaq minn pajjiżu bit-tama ta’ ħajja aħjar.